Aqbeż għall-kontentut

Machu Picchu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta ta' Machu Picchu

Machu Picchu hija ċittadella tas-seklu 15 tal-Imperu tal-Inka, li tinsab fil-Cordillera tal-Lvant fin-Nofsinhar tal-Perù, fuq art muntanjuża ta' 2,430 metru. Iċ-ċittadella tinsab fid-Distrett ta' Machupicchu fi ħdan il-Provinċja ta' Urubamba iktar 'il fuq mill-Wied Sagru tal-Inka, li qiegħed xi 80 kilometru fil-Majjistral ta' Cusco. Ix-xmara Urubamba tgħaddi mill-Cordillera ta' madwarha u toħloq kanjon bi klima muntanjuża tropikali.[1]

Il-maġġoranza tal-kelliema bl-Ingliż jew bl-Ispanjol ma jlissnux l-ewwel "c" fil-kelma Picchu. Bl-Ingliż, isem iċ-ċittadella jiġi ppronunzjat /ˌmɑːtʃuː piːtʃuː/[2] jew /ˌmɑːtʃuː piːktʃuː/[3], bl-Ispanjol [ˈmatʃu ˈpitʃu] jew [ˈmatʃu ˈpiktʃu], u bil-Quechua [ˈmatʃʊ ˈpɪktʃʊ].[4]

Il-biċċa l-kbira tal-arkeologi jemmnu li Machu Picchu nbniet bħala ċittadella għall-imperatur tal-Inka Pachacuti (1438–1472). Spiss issir referenza żbaljata għaliha bħala l-"Belt Mitlufa tal-Inka" għalkemm hija l-iktar post ikoniku familjari taċ-ċivilizzazzjoni tal-Inka. L-Inka bnew iċ-ċittadella lejn l-1450 iżda abbandunawha xi seklu wara minħabba l-konkwista Spanjola. Minkejja li fuq livell lokali kulħadd kien jaf biha, l-Ispanjoli fil-perjodu kolonjali qatt ma kienu semgħu biċ-ċittadella tal-Inka u għalhekk ħadd iktar fid-dinja ma kien jaf biha sal-wasla tal-istoriku Amerikan Hiram Bingham li ġibed l-attenzjoni internazzjonali lejha fl-1911.

Machu Picchu nbniet bl-istil klassiku tal-Inka, b'ħitan tal-ġebel illostrat mingħajr tikħil. It-tliet strutturi ewlenin tagħha huma l-Intihuatana, it-Tempju tax-Xemx, u l-Kamra bi Tliet Twieqi. Il-biċċa l-kbira tal-binjiet l-oħra ġew rikostruwiti sabiex it-turisti li jżur iċ-ċittadella jkollhom idea aħjar tad-dehra oriġinali taċ-ċittadella fl-antik. Sal-1976, 30 % tar-restawr ta' Machu Picchu kien tlesta[5] u x-xogħlijiet tar-restawr baqgħu jsiru tul is-snin b'mod kontinwu.[6]

Machu Picchu ġiet iddikjarata Santwarju Storiku tal-Perù fl-1981 kif ukoll Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[7] Fl-2007, Machu Picchu ġiet ivvutata bħala wieħed mis-Seba' Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja fi stħarriġ kbir li kien sar fuq l-internet.[8]

Bil-Quechua, machu tfisser "antik" jew "persuna anzjana", filwaqt li pikchu tfisser il-"magħad ta' porzjon ta' weraq tal-coca (il-pjanta mediċinali Erythroxylum coca" jew "piramida, oġġett solidu ppuntat b'diversi naħat jew konu".[9] Għalhekk, xi kultant isem iċ-ċittadella jiġi interpretat li jfisser "muntanja antika".[10]

Ritratt ta' Machu Picchu meħud minn Hiram Bingham fl-1912 wara t-tneħħija ta' ħafna ħaxix ħażin u qabel beda x-xogħol ta' rikostruzzjoni

Jingħad li iċ-ċittadella ta' Machu Picchu nbniet lejn l-1450.[11] Milli jidher il-kostruzzjoni saret għall-ħabta tat-tmexxija ta' żewġ mexxeja kbar tal-Inka, Pachacutec Inca Yupanqui (1438-1471) u Túpac Inca Yupanqui (1472-1493).[12] Il-maġġoranza tal-arkeologi jaqblu li Pachacutec ordna l-kostruzzjoni taċ-ċittadella rjali għalih innifsu, x'aktarx wara xi kampanja militari ta' suċċess. Minkejja li ċ-ċittadella ta' Machu Picchu titqies bħala waħda "rjali", ħaġa tal-iskantament ma kinitx tintiret u tingħadda minn mexxej għall-ieħor. Fil-fatt, intużat għal xi 80 sena u mbagħad ġiet abbandunata, x'aktarx minħabba l-konkwista Spanjola f'partijiet oħra tal-Imperu tal-Inka.[11] Jista' jkun li l-maġġoranza tal-abitanti mietu bil-marda tal-ġidri li jaf ġiet introdotta minn xi vjaġġaturi qabel il-konkwistaturi Spanjoli waslu l-Perù.[13]

Ħajja ta' kuljum fiċ-ċittadella

[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa stmat li matul l-użu ta' Machu Picchu bħala ċittadella rjali, kienu jgħixu fiha xi 750 ruħ, il-biċċa l-kbira minnhom bħala persunal ta' appoġġ għall-ħtiġijiet irjali (yanaconas, yana) li kien jgħix hemmhekk b'mod permanenti. Għalkemm iċ-ċittadella kienet ta' Pachacutec, kienu jgħixu hemm ukoll speċjalisti reliġjużi u ħaddiema speċjalizzati temporanji (mayocs), wisq probabbli biex jieħdu ħsieb l-eżiġenzi tal-mexxej. Matul l-istaġuni iktar ħorox, il-persunal kien ibatti fin-numru għal xi mitt qaddej u ftit speċjalisti reliġjużi li kienu jiffukaw biss fuq iż-żamma taċ-ċittadella.[11]

L-istudji ħarġu fid-dieher, abbażi tal-fdalijiet tal-għadam uman li nstab, li l-biċċa l-kbira tan-nies li kienu jgħixu fiċ-ċittadella kienu immigranti minn inħawi differenti. Ma kellhomx il-markaturi kimiċi u osteoloġiċi li kien ikollhom kieku kienu ilhom jgħixu hemm ħajjithom kollha. Minflok, kien hemm danni fl-għadam minn diversi speċijiet ta' parassiti tal-ilma indiġeni ta' postijiet differenti fil-Perù. Kien hemm ukoll fatturi differenti ta' stress osteoloġiku u densitajiet kimiċi differenti li jissuġġerixxu nutrizzjoni fit-tul li kienet pjuttost karatteristika ta' reġjuni speċifiċi 'l bogħod minn xulxin.[14] Din in-nutrizzjoni kienet tinkludi livelli differenti ta' qamħirrum, patata, ċereali, legumi u ħut, iżda l-iktar nutrizzjoni reċenti ta' dawn in-nies kienet tinkludi inqas ħut u iktar qamħirrum. Dan jissuġġerixxi li bosta mill-immigranti kienu jiġu minn żoni iktar kostali u marru jgħixu f'Machu Picchu fejn il-qamħirrum kien parti iktar sostanzjali tan-nutrizzjoni tagħhom.[15] Il-biċċa l-kbira tal-fdalijiet tal-għadam li nstabu fis-sit kellhom inqas artrite u fratturi fl-għadam minn dawk li nstabu f'ħafna mis-siti tal-Imperu tal-Inka. L-Inka li kellhom l-artrite u l-fratturi fl-għadam, tipikament kienu l-individwi li kienu jwettqu xogħol fiżiku iebes (bħall-Mit'a) jew dawk li kienu jiffurmaw parti mill-qawwa militari tal-Inka.[11]

Llama fejn Machu Picchu

X'aktarx li anke l-annimali wkoll kienu joriġinaw minn postijiet 'il bogħod minn Machu Picchu peress li ħafna mill-għadam li nstab kien ta' speċijiet li ma kinux nattivi taż-żona. Il-biċċa l-kbira tal-għadam tal-annimali li nstab kien ta' llami u ta' alpaki. Dawn l-annimali normalment jgħixu f'altitudnijiet ta' 4,000 metru u mhux fl-elevazzjoni ta' Machu Picchu, jiġifieri 2,400 metru. Wisq probabbli, dawn l-annimali nġiebu mir-reġjun ta' Puna għall-konsum tal-laħam u għall-ġlud tagħhom.[16] F'għerien speċjali ddedikati għad-dfin, instab l-għadam ta' fniek tal-Indì, li jissuġġerixxi li probabbli kienu jintużaw għal xi ritwali funebri, peress li kienet drawwa komuni fl-Imperu tal-Inka kollu li jintużaw għas-sagrifiċċji u għal-laħam tagħhom.[17] Barra minn hekk, fis-sit taċ-ċittadella nstab l-għadam ta' sitt klieb. Peress li nstabu maġenb l-għadam tal-bnedmin, x'aktarx li l-Inka kienu jemmnu li l-klieb kellhom ir-rwol li jakkumpanjaw lill-mejtin.[11]

Ir-raba' mtarraġ ta' Machu Picchu

Ħafna mill-agrikoltura f'Machu Picchu kienet issir permezz tar-raba' mtarraġ mad-dawra kollha taċ-ċittadella. Dan ir-raba' mtarraġ kien opra ta' inġinerija konsiderevoli, mibni apposta biex jiġi żgurat li l-ilma jiskula minnu u l-ħamrija tkun għammiela, filwaqt li l-muntanja stess tiġi protetta mill-erożjoni u miċ-ċedimenti tal-art. Madankollu, ir-raba' mtarraġ ma kienx perfett. Fil-fatt, studji tal-art urew li kienu seħħew ċedimenti tal-art waqt il-kostruzzjoni taċ-ċittadella ta' Machu Picchu. Għad hemm postijiet fejn wieħed jista' jara b'għajnejh fejn seħħew xi ċedimenti tal-art u r-raba' mtarraġ tal-madwar imbagħad ġie stabbilizzat mill-Inka.[18]

Huwa stmat li ż-żona fejn tinsab iċ-ċittadella ilha tirċievi iktar minn 1,800 mm ta' xita fis-sena mill-1450, li kienet ferm iktar milli meħtieġ għat-tkabbir tal-għelejjel. Minħabba l-ammont kbir ta' xita f'Machu Picchu, instab li l-irrigazzjoni tar-raba' mtarraġ ma kinitx meħtieġa. Ir-raba' mtarraġ tant kien jirċievi ilma tax-xita li l-inġiniera Inka bnewh apposta b'tali mod li l-ilma żejjed ikun jista' jiskula minnu. Mill-iskavi u l-analiżijiet tal-ħamrija li wettaq Kenneth Wright[19][20] fis-snin 90 tas-seklu 20, ħareġ li r-raba' mtarraġ inbena f'saffi, bis-saff ta' taħt nett magħmul minn ġebliet kbar mgħottija bir-radam. Fuq ir-radam kienu jitfgħu saff ramel imħallat bir-radam ikkumpattati flimkien, b'saff ta' ħamrija għammiela fuqhom. Intwera wkoll li l-ħamrija għammiela x'aktarx ġiet mill-parti l-baxxa tal-wied qrib ix-xmara għaliex kienet iktar għammiela mill-ħamrija iktar fl-għoli fil-muntanja fejn tinsab iċ-ċittadella.[11][18]

Madankollu, instab li ż-żona agrikola mtarrġa fiha 4.9 ettari ta' art, u studju tal-ħamrija tar-raba' mtarraġ wera li kienet tintuża l-iktar għat-tkabbir tal-qamħirrum u tal-patata, li ma kinux biżżejjed biex isostnu l-madwar 750 ruħ li kienu jgħixu f'Machu Picchu. Dan jispjega għalfejn meta saru l-istudji fuq l-ikel li kienu jieklu l-Inka f'Machu Picchu, kien instab li l-biċċa l-kbira tal-ikel li kienu jieklu kien jiġi importat mill-widien tal-madwar u minn iktar lil hinn.[21]

Post mistur sas-seklu 20

[immodifika | immodifika s-sors]

Minkejja li Machu Picchu tinsab xi 80 kilometru minn Cusco, il-belt kapitali tal-Inka, l-Ispanjoli qatt ma sabuha u b'hekk ma qerduhiex jew serqulha r-rikkezzi tagħha kif għamlu kull fejn marru.[22][12] Il-konkwistaturi Spanjoli kellhom noti li kien hemm post jismu Piccho, iżda imkien ma ġiet dokumentata xi żjara mill-Ispanjoli. Għalhekk, għad-differenza ta' siti oħra, il-blat sagru tal-Inka li s-soltu kienu jiġu vvandalizzati jew imkissrin mill-konkwistaturi Spanjoli, f'Machu Picchu baqgħu intatti sa żminijietna.[23]

Melchor Arteaga jaqsam ix-xmara Urubamba fl-24 ta' Lulju 1911

Matul is-sekli, il-ġungla tal-madwar ħakmet lis-sit, u ħadd ma kien jaf bl-eżistenza taċ-ċittadella, ħlief xi ftit nies tal-inħawi. Is-sit jaf ġie skopert u nsterqulu xi rikkezzi fl-1867 min-negozjant Ġermaniż Augusto Berns.[24][25] Hemm evidenza li saħansitra suppost turi li l-inġinier J. M. von Hassel kien wasal qablu. Jeżistu referenzi għal Machu Picchu fuq il-mapep saħansitra mill-1874.[26]

Fl-1911, l-istoriku u l-esploratur Amerikan Hiram Bingham ivvjaġġa fir-reġjun biex ifittex il-belt kapitali antika tal-Inka u rnexxielu jasal sa Machu Picchu bis-saħħa ta' raħħal, Melchor Arteaga, li kien jaf bl-eżistenza taċ-ċittadella. Bingham sab graffiti tal-isem "Agustín Lizárraga" u d-data "1902" miktuba bil-faħam tal-kannol fuq wieħed mill-ħitan. Minkejja li Bingham ma kienx l-ewwel wieħed li żar il-fdalijiet taċ-ċittadella, hu jitqies bħala dak li skopra lil Machu Picchu b'mod xjentifiku u li ġibed l-attenzjoni internazzjonali lejha. Bingham organizza spedizzjoni oħra fl-1912 biex isiru x-xogħlijiet tat-tneħħija tal-ħafna ħaxix ħażin li kien hemm u l-iskavi.[12]

Fl-1981, il-Perù ddikjara erja sħiħa ta' 325.92 km2 madwar Machu Picchu bħala "santwarju storiku". Flimkien mal-fdalijiet taċ-ċittadella, is-santwarju storiku jinkludi biċċa kbira ta' art tar-reġjun ta' Puno fil-qrib, b'flora u fawna rikka tal-Yungas u tal-Andes Ċentrali tal-Perù.[27]

Fl-1983, l-UNESCO ddeżinjat lil Machu Picchu bħala Sit ta' Wirt Dinji, u ddeskrivietha bħala "kapulavur assolut tal-arkitettura u ċittadella unika taċ-ċivilizzazzjoni tal-Inka".[7]

L-ewwel spedizzjoni Amerikana

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-Surġent Carrasco ħdejn il-blata sagra ta' Machu Picchu fl-24 ta' Lulju 1911

Bingham kien lettur fl-Università ta' Yale, għalkemm ma kienx arkeologu mħarreġ. Fl-1909, hu u ġej lura mill-Kungress Xjentifiku Pan-Amerikan f'Santiago, Bingham ivvjaġġa mill-Perù u ġie mistieden jesplora l-fdalijiet tal-Inka f'Choqquequirau fil-Wied ta' Apurímac. Huwa organizza l-Ispedizzjoni Peruvjana ta' Yale tal-1911, parzjalment biex ifittex il-belt kapitali antika tal-Inka, li kienu jaħsbu li kienet il-belt ta' Vitcos. Bingham ikkonsulta lil Carlos Romero, wieħed mill-istoriċi ewlenin f'Lima li wrieh referenzi utli u l-Kronaka tal-Agostinjani tal-Patri Antonio de la Calancha. B'mod partikolari, Ramos kien jaħseb li Vitcos kienet tinsab "ħdejn blata bajda kbira 'l fuq minn nixxiegħa tal-ilma ħelu". F'Cusco, Bingham staqsa lin-nies tal-post dwar il-postijiet imsemmija minn Calancha, partikolarment tul ix-xmara Urubamba. Skont Bingham, "prospettur xiħ sostna li kien hemm fdalijiet interessanti f'Machu Picchu", għalkemm l-istqarrijiet tiegħu "ma ngħataw l-ebda importanza miċ-ċittadini ewlenin". Kien wara xi żmien, li Bingham sar jaf li Charles Wiener kien sema' wkoll bil-fdalijiet ta' Huayna Picchu u ta' Machu Picchu, iżda ma kienx irnexxielu jasal ħdejhom.

Għalhekk, Bingham ivvjaġġa fir-reġjun bit-tir li jsib il-belt kapitali antika tal-Inka, u mill-ewwel iddirieġa l-ispedizzjoni lejn ix-xmara Urubamba. Bingham beda jieqaf fl-irħula qrib ix-xmara biex jistaqsi lin-nies tal-post juruh xi fdalijiet tal-Inka, speċjalment kwalunkwe post li fih xi blata bajda 'l fuq minn nixxiegħa.[12]

F'Mandor Pampa, Bingham staqsa lill-bidwi u raħħal li kien sid ta' berġa, Melchor Arteaga, jekk kienx jaf b'xi sit li jixbah id-deskrizzjoni t'hawn fuq. Arteaga qallu li kien jaf bi fdalijiet eċċellenti fil-quċċata tal-muntanja Huayna Picchu.[28] L-għada, l-24 ta' Lulju, Arteaga ħa lil Bingham u lis-Surġent Carrasco fuq in-naħa l-oħra tax-xmara. Biex jagħmlu dan kellhom jgħaddi minn fuq pont improvvisat magħmul bi zkuk kbar tas-siġar marbuta flimkien u mbagħad jixxabtu sas-sit ta' Machu Picchu. Malli waslu fil-quċċata tal-muntanja, iltaqgħu ma' koppja bdiewa Quechua, Richard u Alvarez, li kienu okkupaw għorfa żgħira u li kienu qed jaħdmu uħud miż-żoni agrikoli mtarrġa oriġinali ta' Machu Picchu li kienu naddfu mill-ħaxix ħażin u mill-veġetazzjoni tal-ġungla xi erba' snin qabel. It-tifel ta' Alvarez, Pablito, li kellu 11-il sena ħa lil Bingham proprju sal-quċċata biex jurih il-fdalijiet ewlenin taċ-ċittadella.[29]

Il-biċċa l-kbira tal-fdalijiet kienu nħakmu mill-veġetazzjoni għajr għar-raba' mtarrġa li kienu qed jużaw il-bdiewa biex ikabbru l-għelejjel u l-ħxejjex. Minħabba l-veġetazzjoni, Bingham ma setax josserva s-sit kollu fl-aqwa tiegħu. Ħa xi noti, kejliet, u ritratti preliminari, u mill-ewwel innota l-kwalità tal-ħitan ta' diversi binjiet prinċipali u s-sengħa impressjonanti tal-Inka biex bnewhom mingħajr tikħil. Bingham ma kienx ċert dwar l-iskop oriġinali tal-fdalijiet, iżda ddeċiedi li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li kienet taqbel mad-deskrizzjoni li kellu ta' Vitcos.[12]

Hiram Bingham ħdejn id-daħla tal-kamp tiegħu qrib Machu Picchu fl-1912

L-ispedizzjoni kompliet iktar 'l isfel tul ix-xmajjar Urubamba u Vilcabamba biex jeżaminaw il-fdalijiet kolla tal-Inka li setgħu jsibu. Iggwidat min-nies tal-post, Bingham skopra u identifika b'mod korrett is-sit tal-belt kapitali antika tal-Inka, Vitcos (li dak iż-żmien kienet imsejħa Rosaspata), u t-tempju ta' Chuquipalta fil-qrib. Imbagħad kompla jsegwi mogħdija fil-muntanji sal-Wied ta' Pampaconas fejn sab iktar fdalijiet moħbija mill-veġetazzjoni tal-ġungla f'Espíritu Pampa, li hu semma "Trombone Pampa".[30] L-istess bħal Machu Picchu, is-sit kien miksi veġetazzjoni u Bingham seta' jieħu biss japprezza ftit binjiet. Fl-1964, Gene Savoy kompla jesplora iktar il-fdalijiet f'Espiritu Pampa u żvela l-kobor kollu tas-sit. Savoy identifika dan is-sit bħala Vilcabamba Viejo, il-post fejn ħarbu l-Inka meta l-Ispanjoli ħakmu l-belt kapitali l-antika ta' Vitcos.[31][12]

Bingham reġa' lura Machu Picchu fl-1912 sponsorjat mill-Università ta' Yale u min-National Geographic mill-ġdid u bl-appoġġ sħiħ tal-President tal-Perù Leguia. L-ispedizzjoni bdiet b'erba' xhur xogħol ta' tneħħija tal-veġetazzjoni tal-ġungla bl-għajnuna ta' ħaddiema lokali, li ġie mħaffef bl-appoġġ tal-Prefett ta' Cusco. L-iskavi bdew fl-1912 u ssoktaw fl-1914 u fl-1915. Bingham iffoka fuq Machu Picchu minħabba l-kwalità u r-reqqa tax-xogħol tal-Inka fil-ġebel fil-binjiet taċ-ċittadella u l-fatt li baqgħu ppreservati tajjeb ħafna peress li kienu ntesew u baqgħu moħbija. L-ebda ipoteżi li fassal Bingham dwar is-sit ma reġġiet. Matul l-istudji tiegħu, ħa diversi artefatti lura miegħu f'Yale. L-iktar prominenti kien sett ta' skieken ċerimonjali tal-Inka tas-seklu 15. Dawn kienu magħmulin mill-bronż bil-bismut u huma l-iktar artefatt antika magħmul minn din il-liga.[32][33]

Minkejja li fil-bidu l-istituzzjonijiet lokali laqgħu l-esplorazzjoni, wara ftit bdew jakkużaw lil Bingham li kien qed iwettaq nuqqasijiet legali u kulturali.[34] Kien hemm xnigħat li t-tim ta' Bingham kien qed jisraq xi artefatti u joħroġhom barra mill-pajjiż bi kuntrabandu mill-Bolivja. Fil-verità, Bingham ittrasporta ħafna artefatti barra mill-Perù, iżda b'mod trasparenti u legali, li ġew depożitati fil-Mużew tal-Università ta' Yale. Bingham kien qed jirrispetta l-Kodiċi Ċivili tal-1852 tal-Perù; il-Kodiċi kien jiddikjara li "s-sejbiet arkeoloġiċi ġeneralment kien jappartjenu lil min jiskoprihom, ħlief meta kienu jiġu skoperti f'art privata".[35] L-istampa lokali kompliet tressaq l-akkużi, bil-fehma li l-iskavi kienu qed jagħmlu ħsara lis-sit u kienu qed iċaħħdu lill-arkeologi lokali mill-għarfien dwar l-istorja tagħhom stess. Is-sidien tal-art bdew jesiġu miżata għall-iskavi. Meta Bingham u t-tim tiegħu temmew l-ispedizzjoni f'Machu Picchu, in-nies tal-post kien laħqu ffurmaw koalizzjonijiet biex jiddefendu s-sjieda tagħhom ta' Machu Picchu u tal-fdalijiet kulturali taċ-ċittadella, filwaqt li Bingham sostna li l-artefatti kellhom jiġu studjati minn esperti f'istituzzjonijiet Amerikani.[34]

Sagrifiċċju uman u mistiċiżmu

[immodifika | immodifika s-sors]

Ma tantx hemm informazzjoni li tiddeskrivi s-sagrifiċċju umani f'Machu Picchu, għalkemm ħafna sagrifiċċji qatt ma ngħataw dfin xieraq, u l-fdalijiet tal-għadam kienu jispiċċaw fix-xejn bl-elementi. Madankollu, hemm evidenza li meta kien imut xi ħadd nobbli, kienu jiġu ssagrifikati l-qaddejja tiegħu biex jakkumpanjawh f'mewtu.[36] Is-sagrifiċċji ta' annimali, likwidi u trabijiet lill-allat kienu iktar komuni u kienu jsiru fl-Artal tal-Kondor. Dawn is-sagrifiċċji, ħlief dawk umani, għadhom isiru sal-lum il-ġurnata minn membri tar-reliġjon tal-Andes tan-New Age (litteralment, "Era Ġdida").[37]

Machu Picchu tinsab fl-Emisferu tan-Nofsinhar, 13.164-il grad fin-Nofsinhar tal-ekwatur.[38] Tinsab 80 kilometru fil-Majjistral ta' Cusco, fil-quċċata tal-muntanja Machu Picchu, f'altitudni ta' madwar 2,430 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, u iktar minn 1,000 metru 'l isfel minn Cusco, li għandha altitudni ta' 3,400 metru. B'hekk, iċ-ċittadella kellha klima iktar miti mill-belt kapitali tal-Inka. Machu Picchu hija wieħed mill-iktar siti importanti fl-Amerka t'Isfel, waħda mill-iktar attrazzjonijiet li jżuruha turisti fl-Amerka Latina u l-iktar attrazzjoni li jżuruha nies fil-Perù.[39]

Ir-raba' mtarraġ ta' Machu Picchu fiċ-ċpar

Machu Picchu jkollha sjuf umdużi bix-xita u xtiewi niexfa bil-ġlata. Il-biċċa l-kbira tax-xita fis-sena tinżel minn Ottubru sa Marzu.[38]

Iċ-ċittadella tinsab 'il fuq mix-xmara Urubamba, li qiegħda fid-dawra tagħha minn tliet naħat, b'irdumijiet vertikali ta' 450 metru mix-xmara saċ-ċittadella. Fiż-żona, kmieni filgħodu spiss ikun hemm iċ-ċpar li tiżviluppa mix-xmara. Il-pożizzjoni taċ-ċittadella, imdawra b'irdumijiet weqfin u b'muntanji għoljin, fiha nnifisha kienet tipprovdi difiża naturali. Il-Pont tal-Inka, pont magħmul bil-ħbula tal-ħaxix, minn naħa għall-oħra tax-xmara Urubamba f'Pongo de Mainique, kien iservi ta' daħla sigrieta għall-armata tal-Inka. Pont tal-Inka ieħor inbena fil-Punent ta' Machu Picchu, magħmul biz-zkuk tas-siġar, f'post fejn hemm distakk ta' sitt metri minn parti għall-oħra tal-irdumijiet.

Iċ-ċittadella tinsab bejn il-muntanji Machu Picchu u Huayna Picchu, b'veduta panoramika taż-żewġ widien iktar 'l isfel u muntanja oħra kważi impenetrabbli warajha. Għandha provvista tal-ilma minn nixxigħat li ma tantx jistgħu jiġu bblukkati faċilment. L-għoljiet li jwasslu saċ-ċittadella kienu mtarrġa, biex ikun hemm iktar art agrikola għat-tkabbir tal-għelejjel u biex l-għoljiet tad-dawra jkunu iktar weqfin għall-invażuri possibbli. Ir-raba' mtarraġ naqqas l-erożjoni tal-ħamrija u ħares iċ-ċittadella minn diversi ċedimenti tal-art.[40] Hemm żewġ rotot f'altitudni kbira li minn Machu Picchu jaqsmu mill-muntanji u jwasslu sa Cusco (li jiffurmaw parti mis-sistema transnazzjonali estiża ta' mogħdijiet fl-Andes imsejħa Qhapaq Ñan u li ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014),[41] waħda minn Bieb ix-Xemx, u l-oħra mill-pont tal-Inka. Iż-żewġ rotot setgħu jiġu bblukkati faċilment, f'każ li jkun hemm xi invażuri.[22]

Machu Picchu u siti oħra fl-inħawi nbnew fuq qasmiet ġeoloġiċi fil-plakek dinjin li huma suxxettibbli għat-terremoti. Dan il-fatt jaf ma kienx kumbinazzjoni skont riċerka tal-2019 li tissuġġerixxi li l-Inka għażlu li jibnu fejn bnew għaliex kellhom il-materja prima lesta fil-post, jiġifieri ammonti kbar ta' ġebel u blat diġà maqsum bit-terremoti antiki.[42]

  1. Carlotto et al. 2009
  2. ""Machu Picchu"" (bl-Ingliż). Lexico UK Dictionary. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-01-28. Miġbur 2021-02-15.
  3. "How to say: Machu Picchu" (bl-Ingliż). BBC. 2006-09-08. Miġbur 2021-02-15.
  4. Nonato Rufino Chuquimamani Valer, Carmen Gladis Alosilla Morales, Victoria Choque Valer: Qullaw Qichwapa Simi Qullqan. Lima, 2014 p. 70
  5. Nava 1976, pp. 9-10.
  6. Davey, Peter (2001-10-01). "Outrage: Rebuilding Machu Picchu, Peru". The Architectural Review (bl-Ingliż). Miġbur 2021-02-15.
  7. 1 2 "Historic Sanctuary of Machu Picchu" (bl-Ingliż). UNESCO World Heritage Centre. Miġbur 2021-02-15.
  8. "Creating Global Memory" (bl-Ingliż). New 7 Wonders. Miġbur 2021-02-15.
  9. "Teofilo Laime Ajacopa, Diccionario Bilingüe, Iskay simipi yuyayk'ancha, Quechua – Castellano, Castellano – Quechua" (PDF) (bl-Ispanjol). Miġbur 2021-02-15.
  10. Luciano, Pellegrino A. (2011). "Where are the Edges of a Protected Area? Political Dispossession in Machu Picchu, Peru". Conservation and Society (bl-Ingliż). 9 (1): 35–41.
  11. 1 2 3 4 5 6 Burger, Richard L.; Salazar, Lucy C. (2004). Machu Picchu: Unveiling the Mystery of the Incas (bl-Ingliż). Yale University Press. p. 27. ISBN 978-0300097634.
  12. 1 2 3 4 5 6 Hiram, Bingham (1952). Lost City of the Incas (bl-Ingliż). Weidenfeld & Nicolson. pp. 112–135. ISBN 978-1-84212-585-4.
  13. McNeill, William (2010). Plagues and Peoples. Knopf Doubleday Publishing Group. ISBN 978-0-307-77366-1.
  14. Turner, Bethany L.; Armelagos, George J (2012-09-01). "Diet, residential origin, and pathology at Machu Picchu, Peru". American Journal of Physical Anthropology (bl-Ingliż). 149 (1): 71–83. ISSN 1096-8644. PMID 22639369.
  15. Turner, Bethany L (2010). "Variation in Dietary Histories Among the Immigrants of Machu Picchu: Carbon and Nitrogen Isotope Evidence". Chungara, Revista de Antropología Chilena (bl-Ingliż). 42 (2): 515–534. doi:10.4067/s0717-73562010000200012.
  16. Morales, M.; Barberena, R.; Belardi, J.B.; Borrero, L.; Cortegoso, V.; Durán, V.; Guerci, A.; Goñi, R.; Gil, A.; Neme, G.; Yacobaccio, H.; Zárate, M (2009). "Reviewing human-environment interactions in arid regions of southern South America during the past 3000 years". Palaeogeography, Palaeoclimatology, Palaeoecology (bl-Ingliż). 281 (3–4): 283–295. Bibcode:2009PPP...281..283M.
  17. Malpass, Michael A. (2009). Daily Life in the Inca Empire (bl-Ingliż). 2. ABC-CLIO. ISBN 978-0-313-35549-3.
  18. 1 2 Brown, Jeff L. (2001). "Rediscovering the lost city". Civil Engineering (bl-Ingliż). New York. 71: 32–39.
  19. "Kenneth Wright" (bl-Ingliż). AAWRE. Miġbur 2021-02-16.
  20. "Kenneth R. Wright". waterhistory.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-02-16.
  21. Turner, Bethany L.; Armelagos, George J. (2012-09-01). "Diet, residential origin, and pathology at Machu Picchu, Peru". American Journal of Physical Anthropology (bl-Ingliż). 149 (1): 71–83. ISSN 1096-8644.
  22. 1 2 Wright & Valencia Zegarra, p. 1.
  23. Wright & Valencia Zegarra 2001, p. 1.
  24. Collyns, Dan (2008-06-06). "Machu Picchu ruin 'found earlier'" (bl-Ingliż). BBC News. Miġbur 2021-02-16.
  25. Marshall, Michael (2008-06-03). "Incan lost city looted by German businessman" (bl-Ingliż). New Scientist. Miġbur 2021-02-16.
  26. Romero, Simon (2008-12-07). "Debate Rages in Peru: Was a Lost City Ever Lost?" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-02-16.
  27. Olson, David M.; Dinerstein, Eric; Wikramanayake, Eric D.; Burgess, Neil D.; Powell, George V. N.; Underwood, Emma C.; d'Amico, Jennifer A.; Itoua, Illanga (2001). "Terrestrial Ecoregions of the World: A New Map of Life on Earth". BioScience (bl-Ingliż). 51 (11): 933–938. Miġbur 2021-02-16.
  28. Bingham, Hiram (2010). Lost City of the Incas (bl-Ingliż). Orion. ISBN 978-0-297-86533-9.
  29. Wright & Valencia Zegarra 2001, p. 1.
  30. "Yale Expedition to Peru". Bulletin of the Geographical Society of Philadelphia (bl-Ingliż). 10. 1912. pp. 134–136.
  31. Rodriguez-Camilloni, Humberto (2009). "Reviewed Work: Machu Picchu: Unveiling the Mystery of the Incas by Richard L Burger, Lucy C. Salazar". Journal of Latin American Geography (bl-Ingliż). 8 (2): 230–232. doi:10.1353/lag.0.0051. JSTOR 25765271. S2CID 144758591.
  32. Gordon, Robert and John Rutledge 1984 Bismuth Bronze from Machu Picchu, Peru. American Association for the Advancement of Science, Washington, DC. p. 585.
  33. Fellman, Bruce (2002). "Rediscovering Machu Picchu". Yale Alumni Magazine (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-05-06. Miġbur 2021-02-16.
  34. 1 2 Salvatore, Ricardo Donato (2003). "Local versus Imperial Knowledge: Reflections on Hiram Bingham and the Yale Peruvian Expedition". Nepantla: Views from South (bl-Ingliż). 4 (1): 67–80. Miġbur 2021-02-16.
  35. Hoffman, Barbara T. (2006). Art and Cultural Heritage: Law, Policy and Practice (bl-Ingliż). Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-85764-2.
  36. Gaither, Catherine; Kent, Jonathan; Sanchez, Victor; Tham, Teresa (2008). "Mortuary Practices and Human Sacrifice in the Middle Chao Valley of Peru: Their Interpretation in the Context of Andean Mortuary Patterning". Latin American Antiquity (bl-Ingliż). 19 (2): 107, 115, 119.
  37. Hill, Michael (2010). "Myth, Globalization, and Mestizaje in New Age Andean Religion: The Intic Churincuna (Children of the Sun) of Urubamba, Peru". Ethnohistory (bl-Ingliż). 57 (2): 263, 273–275.
  38. 1 2 Wright & Valencia Zegarra, p. ix.
  39. Davies, Nigel (1997). The Ancient Kingdoms of Peru (bl-Ingliż). Londra u New York: Penguin Books. ISBN 978-0-14-023381-0.
  40. Wright, Valencia Zegarra & Crowley 2000b, p. 2.
  41. "Qhapaq Ñan, Andean Road System" (bl-Ingliż). 2021-02-17.
  42. Perkins, Sid (2019-09-24). "Machu Picchu was built over major fault zones. Now, researchers think they know why" (bl-Ingliż). ScienceMag. Miġbur 2021-02-16.

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Carlotto, V.; Cardenas, J.; Fidel, L. (2009). "La Geologia, evolucion geomorfologica y geodinamica externa de la ciudad Inca de Machupicchu, Cusco-Perù". Revista de la Asociación Geológica Argentina (bl-Ispanjol). 65 (4): 725–747.
  • Wright, Kenneth R.; Valencia Zegarra, Alfredo (2000). Machu Picchu: A Civil Engineering Marvel (bl-Ingliż). American Society of Civil Engineers. ISBN 9780784404447.